Writer 4 Writing
  • Home
  • Services
  • Portfolio
    • Content Writing
    • Articles >
      • Love, sex, and relationships
      • Travel
      • Lifestyle and culture
      • Malta and the Maltese
      • People
      • Artikli bil-Malti
  • Blog
  • About
  • Contact

Dawn huma l-karattri Maltin li tara ħdejn il-baħar fi nżul ix-xemx

29 June 2015, published by LITTLEROCK.com.mt
Picture
Ritratt: Flickr/ Justin Case

Wasal żmien il-baħar, u għalkemm forsi mhux kulħadd lest li jinżel jgħum qabel il-baħar jisħon sew, diġà ssib il-bajjiet ta' Malta aktar mimlijin f'dawn iż-żminijiet ... u mhux biss bit-turisti.

Aqbeż qabża sa Għajn Tuffieħa fil-ħin ta' nżul ix-xemx; tant ikun hemm affarijiet għaddejjin u karattri minn kull tip li ssib ruħek tgawdi divertiment aqwa milli kieku qgħadt id-dar tara t-televiżjoni. Ejja nagħtu ħarsa lejn x'tista' tistenna.

Il-koppja tal-pre-wedding

Li koppja tmur tiġbed biċċa filmat u ftit ritratti professjonali ta' "kif konna qabel ma żżewwiġna" daħlet sew fil-kultura Maltija. Dawn jinżlu fil-bajja biex jieħdu l-opportunità ta' backdrop romantika tal-ġenn - xemx nieżla, ramel tad-deheb, baħar ileqq u għoljiet ħodor - u l-photoshoot tieħu ħafna forom, skont il-koppja: min jiġi mlibbes kollu fixfixò u bit-takkuna fuq ir-ramel, min taparsi ħa jagħmel picnic bix-xampanja u jżejjen bil-qlub ħomor, u min jiġri minn naħa għall-oħra sabiex il-koppja tiltaqa' fin-nofs b'tgħanniqa u tidwira fl-arja. Xi ħlew. Sewwasew, filwaqt li huma qed jippużaw u jimmutettjaw għall-camera, tħossok qisek qed tara film live. 

Il-koppja li għadhom kif iżżewġu

Issib min jinżel fuq ir-ramel liebes il-komplut, bil-libsa tat-tieġ u tuxedo. Dawn l-għarajjes Maltin ma tantx jifilħu jiġru u jaqbżu minħabba t-toqol ta' ħwejjiġhom u allura tara ħafna pożi u bews fit-tul. Għalkemm ir-ritratti żgur li jiġu sbieħ ħafna, ikolli ngħid li s-sitwazzjoni tkun kemxejn tad-daħk: dawn libsin gala u jsegwu l-istruzzjonijiet tal-fotografu filwaqt li l-kumplament tan-nies mitfugħin a la xanxè, jiġru bil-malja u jċafċfu fl-ilma.

Il-fotografu u l-mudella tiegħu

Fotografu ieħor li jixtieq jisfrutta l-mument maġiku ta' nżul ix-xemx, bid-dawl partikolari tiegħu u xena mill-isbaħ, joqrob lejn il-bajja mal-mudella tiegħu. Din ġeneralment ikollha makeup esaġerat li jfakkrek fid-dama tal-pantomima, tkun liebsa xi ħaġa sexy, u tintefa' tippoża b'mod provokanti. L-irġiel li jkun hemm fuq il-bajja jitgħaxxqu jħarsu lejha filwaqt li n-nisa jgħaddu ż-żmien biha.

Id-dilettanti bir-remote control

F'dan il-ħin ta' filgħaxija ma jkunx hemm gzuz ta' nies fil-bajja u ssib xi dilettanti jisfruttaw l-opportunità biex igawdu l-ġugarell tagħhom. Min bid-drone, min bil-boat u min b'xi 4-wheel drive bir-remote control, issibhom reġgħu saru tfal. U jekk jiltaqgħu xi tnejn bl-istess ġugarell, jintefgħu jilagħbu flimkien u jitilgħu l-ġenna.

L-isportivi estremi

Issib bosta Maltin li jagħżlu din il-bajja għall-extreme sports u dawn jipprovdu divertiment ukoll lil min josservahom. Il-hang glider jisfrutta l-għoljiet li hemm iħaddnu l-bajja u ż-żiffa riħ li dejjem ikun hemm dieħla minn fuq il-baħar jew ħierġa minn fuq l-art; qisu għasfur idur idur fl-arja mingħajr ħoss, dan jagħti pjaċir lil kull min ikun hemm taħtu jħares lejn il-manuvri tiegħu. Is-surfer jisfrutta l-mewġ li kultant iqum mar-riħ u ssib ruħek tappoġġjah tispera li jaqbad dik il-mewġa u jibqa' dieħel sa ġewwa. 

Il-grupp li ġew jagħmlu t-training

F'daqqa waħda tara gzuz ta' nies niżlin jiġru mit-taraġ, jaslu s'isfel u jibdew jagħmlu training fuq ir-ramel; ir-ramel jimpedi l-moviment u b'hekk it-training ikun aktar iebes u effettiv. Ġieli jkun xi team tal-futbol, kulħadd liebes il-gear pariġġ; ġieli jkun grupp nisa qed jippruvaw jonqsu u jissudaw il-patata mal-personal trainer tagħhom, u ġieli taħlita ta' nisa u rġiel Maltin li ġew biex jagħmlu l-eżerċizzju fiżiku ma' xi fitness coach. Imsieken, titħassarhom; filwaqt li kulħadd mitfugħ fuq ir-ramel biex jirrilassa ruħu, dawn jagħtuha b'kemm jifilħu: għaraq nieżel, nifs jonfoħ, u wċuħ ħomor nar.

Xi ħadd jagħmel il-yoga

Jista' jonqos li jkun hemm xi ħadd qed jisfrutta l-ġmiel u l-paċi f'xi parti tal-bajja biex jintefa' jimmedita, jagħmel il-yoga jew tai chi. L-iktar jekk tkun xi tfajla sabiħa u "fiha daqqa", din waqt li tkun qed titgħawweġ u tiġġebbed biex tipprattika l-pożizzjonijiet tal-yoga tispiċċa tiġbed ukoll ħafna attenzjoni ... xi kwiet kwiet, miskina! 

Il-Maltin li se jagħmlu BBQ

Dawn ġeneralment jaslu biex jagħmlu BBQ b'ħafna għajjat u storbju, xebgħa kaxxi tal-birra, picnic coolers, basktijiet bl-ikel u sound system ġmielu. Kulħadd jinduna li wasal dan il-grupp Maltin biex jiddevertu, għax ma tridx wisq li jaqtgħu l-pjaċir lil ħaddieħor b'dak l-istorbju kollu tipiku tal-kultura tagħna meta niltaqgħu bil-ħafna, bħal merħla. Sakemm jiġbru ż-żibel minn warajhom qabel jitilqu, lili ma jdejqunix.

Il-koppja bil-flixkun inbid

F'xi kantuniera mudlama fil-parti ta' ġewwa tal-bajja ssibhom dawn: il-koppja li niżlu għall-kwiet biex jinnamraw. Jaqblilhom joqogħdu 'l bogħod minn dawk tal-BBQ għax inkella tinfaqgħalhom il-bużżieqa romantika ta' bejn baħar u stilel. Dawn issibhom mgħannqin f'għoqda ta' jdejn u saqajn fuq xi kutra ħdejn flixkun inbid diġà żvujtat u ieħor għadu mimli imma nieżel malajr. Aħjar ma tantx tħares lejhom għax ma tafx eżatt x'inhuma jagħmlu.

Il-familja bit-tfal 

Dawn il-Maltin issibhom fil-bidu tal-bajja, qrib il-gabbana u t-toilets għall-konvenjenza. Il-ġenituri jgħajtu lit-tfal biex joħorġu minn ġol-ilma għax qed jiksaħ, iżda t-tfal ma jħossux bard u ma jridux jitilgħu mill-baħar għax inkella jmorru d-dar. Fost xebgħa għajjat, theddid u biki, fl-aħħar it-tfal joħorġu. Imgeżwrin f'xugaman kull wieħed joqogħdu bilwieqfa, jirtogħdu, bil-geddum, xoffa vjola u għajnejn ħomor, iħarsu lejn ix-xemx nieżla, filwaqt li l-ġenituri jlaħalħu l-malji u jiġbru l-ġugarelli tat-tfal biex jitilqu 'l hemm bil-mod.

Il-grupp ħbieb li jintefgħu jaraw inżul ix-xemx

Dawn issibhom f'xi klikka ta' madwar 20 ruħ, dejjem l-istess nies bejn wieħed u ieħor. Jintefgħu hemm wara x-xogħol ta' kull filgħaxija waqt l-istaġun, jilagħbu l-karti, jiċċaċċraw u jitgħaxxqu bis-sbuħija ta' madwarhom. Dawn tgħallmu, matul is-snin, li m'hemmx divertiment aqwa milli tqatta' kull filgħaxija f'kumpanija tajba ħdejn il-baħar għax, hekk jew hekk, dejjem hemm lejn xiex tħares u biex tidħaq! 


Writing ​Services

SEO digital content writing
Copywriting
Blogging
​Marketing emails
Newsletters

Press releases
Feature articles
​
Interviews
Editing

Melanie Drury
Freelance Writer, Blogger, Editor & Digital Content Specialist

About
LinkedIn Profile

Request a Quote

Contact

​

​

© COPYRIGHT 2015.
​ALL RIGHTS RESERVED.
  • Home
  • Services
  • Portfolio
    • Content Writing
    • Articles >
      • Love, sex, and relationships
      • Travel
      • Lifestyle and culture
      • Malta and the Maltese
      • People
      • Artikli bil-Malti
  • Blog
  • About
  • Contact