Writer 4 Writing
  • Home
  • Services
  • Portfolio
    • Content Writing
    • Articles >
      • Love, sex, and relationships
      • Travel
      • Lifestyle and culture
      • Malta and the Maltese
      • People
      • Artikli bil-Malti
  • Blog
  • About
  • Contact

Tifkiriet ta’ Paceville minn 20 sena ilu ta’ min kien żagħżugħ fis-snin ’90

5 June 2015, published on LITTLEROCK.com.mt
Picture
Photo: Mirror UK

 "Aħħ, kemm konna nieħdu buzz ... dak kien żmien! Istra, lanqas temmen li għaddew 20 sena."

"Kemm kien aħjar mil-lum!"

"Paceville spiċċa!"

Ġeneralment diskursata bħal din tibda billi jissemma Paceville fis-snin '90, u mill-ewwel jitqanqal sens qawwi ta' nostalġija. Ovvjament, bħalma nafu nagħmlu, il-konversazzjoni ma tridx wisq biex issir waħda dwar kif u kemm l-affarijiet fi "żmienna" kienu ħafna aħjar  ...

"Kemm inbidel Paceville, hux? Lanqas temmen. Issa ħlief ħwienet tan-nisa għarwenin m'hemmx ... "

"Barra minn hekk, il-barijiet kollha jdoqqu l-istess mużika, u tmur fejn tmur l-istess tip ta' nies issib, kollox xorta."

"Leee ... Paceville vera ma fihx ħobż issa, u anke n-nies li jkun hemm: xebgħa studenti u kulħadd moħħu biex isir patata jew biex jgħabbi; aħna ma konniex hekk."

"Mela ... fi żmienna kont tmur tintefa' l-post li jdoqq il-mużika li tħobb, u taf li hemm se tiltaqa' ma' nies it-tip tiegħek; kull post kellu l-klikka tiegħu."

Ma jonqosx li niftakru naqra kif kienu d-drawwiet tagħna ta' dak iż-żmien, skont id-dinja li konna ngħixu fiha.

"Kemm kelli ħbieb! Min jaf x'sar minnhom; lanqas e-mail ma kellna dak iż-żmien, aħseb u ara mobile! Kollox bit-telefown tad-dar jew niftiehmu dejjem l-istess ħin u post, u l-bar ġewwa Paceville kien wieħed minnhom."

"Jew ħdejn tal-cassettes, il-Belt fis-6 p.m.!"

Il-karozzi tal-linja tal-Mellieħa u taċ-Ċirkewwa fil-venda tal-Belt fl-1995 - Photo credit: malta-memories.blogspot.com
"Iva, vera! Anke kull nhar ta' Ħadd filgħodu konna niltaqgħu l-Belt ħdejn tal-ħalib biex immorru l-baħar. Konna naqbdu tal-10:30, nimlew tal-linja sħiħa u mmorru l-Għadira jew Għajn Tuffieħa."

"U tħares 'l isfel kont tara ħamsa minn kull sitt pari saqajn libsin id-Dr Martens."

"Mela, bil-jeans imqatta' u xi qmis tal-franella kollha kaxxi kbar."

"U flokk iswed minn taħt, b'wiċċ Kurt Cobain fuqu."

"Jew xi AC DC!"

Daħq.

Minn hawn, naturalment, tibda' d-diskursata fuq il-barijiet li kien hemm dak iż-żmien; kull ħanut kellu stil ta' mużika partikolari u karattru uniku li kien jiġbed ċertu tip ta' nies u subcultures differenti. 

"Fejn kont tkun int? Jien il-Coconut l-antik kont nintefa', fejn illum hemm il-Burger King."

Rock Cafe. Photograph: Maltavista.net
"Jien ir-Rock Café kont immur. Faċċata ta' xulxin mela konna nkunu, xbin! Tiftakarhom il-muturi? Wieħed minnhom kien tiegħi."

"Ħeqq, kif le? Min jaf kemm-il darba poġġejna fuq it-tarġiet tal-Coconut nosservaw id-dinja għaddejja minn wara r-ringiela tal-muturi pparkjati hemm. Mela mar-rockers kont tintefa' int ..."

"Ija ta, jew hemm, jew l-Alley kienu l-aħjar għalija. Ġieli kont nittawwal il-Coconut imma ta ... kien ikun hemm nies tajbin. Imma kien iktar alternative dak, u jien kienet togħġobni mużika naqra iktar qawwija. Tiftakru l-Harlequin li kien fetaħ fuqu? Ġieli konna mmorru s'hemm ukoll."

"Eħe, tal-punks hux? Ma kienx jgħodd għalija imma ... jien minbarra l-Coconut daqsxejn sal-Alley kont ninżel, għax kien iktar soft rock, u naqra sal-Monroes, jew il-BJs għal ftit live music u hekk. Imbagħad, xi sena wara li għalaq il-Coconut, bdejt immur il-Misfits; tiftakru?"

"Dak li kien moħbi hemm isfel hux? Fi Triq Paceville. Ma tantx kont nersaq 'l hemm."

"Kien ikun hemm DJ Owen u Brian James ... deep house u hekk. Vera kien ikun hemm nies tal-ġenn."

Minn konversazzjoni bħal din, mill-postijiet li jsemmilek il-persuna li għandek quddiemek, malajr tista' tissoponi x'tip hu, jew kien. 

Xi ftit jew wisq, kull min hu tamparna beda jmur Paceville bl-iskuża tal-iSkating Rink u l-Eden Super Bowl. Imbagħad qbadna mmorru l-Ace of Clubs, li ma kien xejn ħlief games room imma kellu sinjal li trid tkun fuq is-16 biex tidħol u konna nħossuna vera kbar għax konna nidħlu ta' 15. Ġieli konna mmorru nieklu l-Clouds ukoll, fejn illum hemm il-Plush; l-ewwel esperjenzi tiegħi li toħroġ tiekol mal-ħbieb kienu hemm. Imbagħad għamilna żmien nintefgħu s-Snooker Hall u Għal Café; konna għadna żgħar u s'hemm konna naslu.

'Il quddiem bdejna mmorru l-Axis. Fis-6:30 ta' filgħaxija diġà konna nkunu hemm biex nilħqu l-light show bil-laser, li miegħu kienu jdoqqu Caribbean Blue ta' Enya. Konna ndumu sal-10:30 għax imbagħad kienu jitfgħuna 'l barra biex jidħlu l-"kbar" fil-11:00, filwaqt li aħna ndabbru rasna lejn tal-Wembley biex naqbdu shared taxi, għax night buses ma kienx hemm. Min ma kienx imur l-Axis kien imur l-iStyx II, u dik kienet crowd kompletament differenti. Wara, ġew il-Generator u oħrajn.

F'dik it-triq li tagħti 'l fuq mill-Axis kien hemm il-Footloose, imma kien man-naħa l-oħra dak iż-żmien, mhux fejn qiegħed illum. Imbagħad fetaħ il-Havana faċċata tiegħu, bir-rap u R&B; l-uniku post li għadu hemm sal-lum u ftit li xejn inbidel.

Iktar 'il fuq, fil-kantuniera l-oħra faċċata tal-Coconut Grove l-antik, ir-Rock Cafe u l-Clouds, il-Peppermint Park kien idoqq mużika tal-parties, u hemm kienu jintefgħu n-nies jieħdu drink qabel ma jmorru jiżfnu l-Going Places, post tal-mużika rave u techno li kien fi Triq Ball, faċċata tal-BJs. Kien ikun hemm naqra taħwid hemmhekk, imma l-Bamboo, bar li kien viċin id-Dragonara, kien l-iktar li kien imsemmi għat-taħwid. F'dawk l-inħawi kien faqqas ukoll il-Lady Godiva, il-bar tal-gays, li kien forsi l-ewwel wieħed f'Malta.

Aħna konna ninżlu lejn dawk l-inħawi l-iktar minħabba Fredu tax-xorb; kulħadd jixtri l-birra u l-inbid bl-irħis mingħandu biex niffrankaw. U meta niffjakkaw konna mmorru għand Al Pacino tal-burgers ħdejn l-Alley, jew Simon's tal-hotdogs. B'żewġ liri kont toħroġ u tagħmel festa; vera ma kien jonqosna xejn.

Biż-żmien, Paceville beda jinbidel. Meta għalaq il-Coconut l-antik kelli 18 u, għalina, ħajjitna kienet spiċċat - dak kien il-każin tagħna. Imbagħad bdejna ninbidlu ftit aħna wkoll. Żviluppaw postijiet barra minn Paceville li kienu jiġbduna u ħaqqhom jissemmew: il-Pushka ġewwa San Pawl, it-Tattingers tar-Rabat, il-Beachaven tax-Xemxija u l-Liquid ta' San Ġwann (magħruf bħala l-Vibes u li llum jismu Aria).

Missna nsemmu wkoll in-Naasha ta' ħdejn il-Knisja ta' San Ġwann, għalkemm dak ġie wara, imma kien post fejn kienu bdew imorru n-nies ta' Paceville tad-disgħinijiet meta Paceville ma baqax li kien. 

Iż-żminijiet inbidlu. Paceville żgur m'għadux li kien, u żgur li aħna nbdilna ħafna wkoll, iżda l-memorji ta' dak iż-żmien jibqgħu ħajjin fina lkoll li konna żgħażagħ fis-snin disgħin.

Int fejn kont tintefa'? Liema kien il-post u l-klikka tiegħek meta kellek dawk is-16-20 sena? Ħalli l-kummenti tiegħek hawn taħt u aqsam dan l-artiklu ma' sħabek kollha. Paceville fid-disgħinijiet, qabel ma waslu l-lukandi 5 star. 

Writing ​Services

SEO digital content writing
Copywriting
Blogging
​Marketing emails
Newsletters

Press releases
Feature articles
​
Interviews
Editing

Melanie Drury
Freelance Writer, Blogger, Editor & Digital Content Specialist

About
LinkedIn Profile

Request a Quote

Contact

​

​

© COPYRIGHT 2015.
​ALL RIGHTS RESERVED.
  • Home
  • Services
  • Portfolio
    • Content Writing
    • Articles >
      • Love, sex, and relationships
      • Travel
      • Lifestyle and culture
      • Malta and the Maltese
      • People
      • Artikli bil-Malti
  • Blog
  • About
  • Contact